Postijiet Storiċi
It-Tempji Neolitiċi
Il-kumpless tat-Tempji f'Ħal Tarxien kien magħmul minn erba' tempji iżda tlieta biss għadhom wieqfa. Dawn it-tempji juru kemm kienu avvanzati n-nies preistoriċi. Sfortunatament fadal biss traċċi tar-raba’ tempju. Dawn it-tempji ġew skavati mill-Prof. Temi Zammit bejn is-snin 1915 u 1920. Deskrizzjoni dettaljata ta’ dawn it-tempji tinsab f’“The Prehistoric Temples of Tarxien” (Oxford 1918). Bis-sejba ta’ dawn it-tempji u permezz ta’ dan il-kontribut importanti, kemm Malta, u b’mod partikolari Ħal Tarxien, sabu l-post tagħhom fuq il-mappa arkeoloġika dinjija.
Waqt ix-xogħlijiet ta’ tindif u tħaffir, Temi Zammit kien għaddej jiskopri paġni tal-istorja li ma ngħadux u li kienu mistura.
Minn dak li baqa’ wieqaf minn dawn it-tempji, wieħed għadu jista’ jimmaġina l-faċċata tat-tempji f’Ħal Tarxien. Kif intqal qabel, dan il-kumpless huwa magħmul minn tliet tempji, wieħed isbaħ mill-ieħor. Dawn it-tempji kollha huma interkonnessi. Hekk kif wieħed jidħol fl-ewwel tempju jsib ruħu f’bitħa f’għamla ta’ nofs qamar.
Jidher li seħħew ħafna bidliet tul is-snin u fuq il-lemin wieħed għadu jista’ jara fdalijiet ta’ statwa femminili, maqsuma min-nofs, filwaqt li fuq ix-xellug hemm diversi tinqix fuq il-ġebel ta’ annimali – ħnieżer, nagħaġ jew mogħoż – annimali wżati għas-sagrifiċċju.
It-tieni tempju, dak tan-nofs, huwa uniku f’Malta peress li għandu tliet settijiet ta’ kmamar. Jista’ jkun li l-partijiet ta' ġewwa huma l-eqdem, u li żidiet saru f'dati aktar tard. Il-ħitan għoljin tal-kmamar huma eżempji ta’ sengħa kbira. Fiċ-ċentru hemm għadira tal-ġebel li fiha n-nar kien jinħaraq il-ħin kollu, u dan jidher minn traċċi ta' kulur ħamrani fuq il-ħitan ta’ maġenbhom minħabba n-nar. Il-kamra fuq ix-xellug hija mibnija bħal dawk misjuba fl-ipoġew fejn ċangaturi tal-ġebel jitqiegħdu b'mod orizzontali u jiffurmaw saqaf bħal koppla. Dan il-metodu huwa magħruf bħala ‘corbelling’. Fil-ġenb hemm niċċa probabbilment użata waqt ir-riti tas-sagrifiċċju.
L-art hija pavimentata b'ċangaturi kbar tal-ġebel simili għal dak użat għall-bini tal-ħitan li kienu rrumblati f'posthom fuq sferi kbar tal-ġebel. Wieħed minn dawn l-isferi tal-ġebel għadu jidher nofsu midfun taħt wieħed mill-ħitan tat-tempju. Il-kamra li fiha jinstab l-artal tal-ġebel hija maqtugħa mill-bqija tal-kmamar u ġebel kbir imnaqqax jimblokka t-triq. Wieħed għadu jista’ jara t-tinqix tal-barrin u l-ħnieżer fuq dawn il-blat tal-ġebel. It-tielet u l-aħħar tempju jintlaħaq mit-tieni tempju u wieħed isib sett ta’ tliet tarġiet li setgħu wasslu għal xi post ieħor. Evans, l-arkeologu Brittaniku, li kien il-kuratur tal-Mużew, fil-kitbiet tiegħu dwar l-arkeoloġija Maltija jimplika li dawn it-tarġiet setgħu ntużaw mill-qassis il-kbir biex jasal fis-‘sancta sanctorum’. Il-forma ta’ dan it-tempju tixbah lil dik tal-ewwel tempju iżda fuq skala iżgħar.
L-arkeologu Taljan L. M. Ugolini, li żar Ħal Tarxien u kompla x-xogħol ta’ tħaffir fit-tempji jikteb li dawn it-tempji nbnew fl-era Preistorika (bejn it-3000 u l-2000 QK). L-arkeoloġi J.D. Evans u D. H. Trump jgħidu li dawn it-tempji jiffurmaw parti minn kumpless usa’ ta’ tempji, u li dawn għandhom jiġu mħarsa u ppreservati sew.
It-Tempji f’Ħal Tarxien jistgħu jinqasmu f’żewġ perjodi: Dawk taż-Żmien tal-Bronż, u dawk magħrufa bħala tal-“Perjodu taċ-Ċimiterju”, il-bidu taż-Żmien tal-Bronż. Diversi oġġetti tal-fuħħar u oġġetti ornamentali oħra ġew elevati waqt xogħlijiet ta’ tħaffir u dawn jistgħu jidhru fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, fil-Belt Valletta.